Clare Ghigo

Clare Ghigo

This slideshow requires JavaScript.

L-Esperjenza ta’ Clare ġewwa ż-Zambia…

“L-ewwel ħsieb dwar din l-esperjenza kollha kien, kif se’ nqatta’ ġimgħatejn ma’ nies li ma nafx, f’pajjiż b’kultura ’l bogħod minn tagħna, b’limitazzjoni ta’ iġjene, nuqqas ta’ kumditajiet li drajna bihom u faqar kbir.

Domna nivjaġġaw fuq jumejn, u niftakar ċar li rajna bosta ajruporti lussużi imma iktar kemm bdenja noqorbu lejn il-villaġġ tal-proġett, il-mezzi tat-transport bdew jiġu ifqar. Kont affaxxinajt ruħi għal mod ta’ kif konna noqogħdu kollha fil-vann! Qed nitkellem fuq dan għax kien l-ewwel impatt u xokk kulturali li ħadt. Madanakollu meta wasalna kemm fil-villaġġ u kif ukoll il-post fejn kienet ser tinbena l-iskola, tinsa kull skumditaˋ.

Id-daħk ferrieħi tat-tfal, il-kant, u d-daqq tat-tnabar… Il-lewn tal-kuluri ta’ lbieshom, is-siġar twal u r-riħa tat-trab ħamrani jibqa’ jidwi f’moħħi sal-ġurnata tal-lum. Qatt qabel ma kont esperjenzajt daqshekk paċi, ferħ u merħba ġenwina f’ħajti. In-nies ma rawniex barranin f’pajjiżhom iżda raw li joffrulna dak kollu li setgħu biex jirringrazzjawna talli żornihom.

L-hena tiegħi kienet li niżfen u nżegleg magħhom filwaqt li huma jidħku kemm jifilħu bil-kummiedji tiegħi, u wkoll ta’ meta għallimthom jilagħbu l-passju. F’ħakka t’għajn it-tfal kollha ffurmaw serbut u kulħadd iwaddab il-ġebla u jaqbeż skont kif imissu.

Dawn huma mumenti żgħar peroˋ fakkruni wisq fi tfuliti u indunajt li d-dinja hi waħda, u n-nies huma kollha l-istess. Ħadd ma jagħżel fejn jiġi mwieled, u min hi familtu, allura għandna nittolleraw, nagħdru u ngħinu lil dawk li huma inqas ixxurtjati minna. Mhumiex il-flus jew il-kumditajiet li jagħmlu l-bniedem iżda l-għajnuna u l-imħabba u r-rispett lejn il-proxxmu.”